500 tifel u tifla għand foster families f’Malta

Il-Kap tal-Foster Care Team, John Rolè, it-Tnejn qal lil-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali, li minn meta nbeda s-servizz fl-1996 kien hemm 29 foster carer u llum Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ttriplikat dan l-ammont ta’ foster carers. Illum hawn 500 tifel u tifla li ġew fdati f’foster families.

Rolè qal li fl-1996 ħadd mill-foster carers ma kien jaf għal xiex dieħel iżda llum il-ġurnata dawn jingħataw taħriġ, għandhom appoġġ u social workers assenjat lilhom.

Semma kemm huwa importanti li nifhmu minn liema trawma jgħaddu dawn it-tfal, minħabba l-abbuż. It-tfal jgħixu kontinwament fil-biża’ u nuqqas ta’ sigurtà li ma jafux x’se jiġri minnhom peress li huma separati minn mal-ġenituri tagħhom.

Tkellem ukoll Paul Gatt, President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Carers, li qal li l-foster carers għandhom jingħataw aktar appoġġ bl-għajnuna tal-professjonisti biex jilqgħu għall-problemi li jiffaċċjaw. Huwa qal li jixtieq jara aktar ġustizzja mat-tfal.

Gatt irrefera għal emenda li kienet saret f’Awwissu tal-2014 fejn kien ingħata dritt ta’ appell wara li tinħareġ care order. Huwa qal li dan id-dritt kellu japplika biss għal darba u jaf b’każijiet fejn xi ġenituri naturali appellaw aktar minn darba u ħadd ma żamm milli jsir dan. Dan il-fatt qed joħloq instabilità fit-tfal kważi kull erba’ xhur.

Joseph Antoncich mill-Assocjazzjoni tas-Social Workers Maltija qal li l-fostering huwa għat-tfal fejn dawn isibu mħabba, sigurtà u stabilità.