Familja bi 3 itfal tiffosterja 3 itfal oħra

Għall-kopja Rose u Aaron Delia l-imħabba ta’ bejniethom ma waqfitx mal-familja tagħhom għax flimkien mat-tliet uliedhom qed irabbu tlitt itfal oħra. Il-kopja Delia qed jiffosterjaw tifel u żewġt ibniet. Ma’ tvm.com.mt fil-festa tal-familja huma stqarrew lit-tfal reġgħu ġabu ferħ kbir fil-familja minkejja l-impenn li jenħtieġu fit-trobbija tagħhom.

Kien b’kumbinazzjoni li l-familja Aaron u Rose Delia saru jafu b’omm li kien ser ikollha tarbija iżda ma setgħetx trabbija. Rose tkellmet ma’ żewġha dwar il-possibiltà li jrabbu din it-tifla.

Il-Kopja Delia qalu li issa li għaddew ftit snin, minkejja li trabbi wlied ħaddiehor mhix faċli, iridu li jkomplu bil-missjoni li bdew. Huma spjegaw li qed joffru ħinhom u ġidhom biex jagħtu familja stabbli lil tlitt itfal għax għalihom din hija espressjoni ta’ mħabba ġenwina.

F’dan iż-żmien ta’ festi l-ferħ fi ħdan il-familja Delia tkattar bil-preżenza ta’ dawn it-tfal. Kemm l-ulied naturali kif ukoll in-nanniet u z-zija lkoll qalu li dawn it-tfal huma barka.

 

https://www.tvm.com.mt/mt/news/ara-familja-bi-3-itfal-tiffosterja-3-itfal-ohra/