Il-koppja Steve u Kris isiru familja ta’ 4, wara li adottaw lil Ben bid-down syndrome jiffosterjaw tifla

TVM 19/3/2018

L-ewwel koppja omosesswali f’Malta li adottaw tarbija, Kris Grima u Steve Vella, issa barra t-tifel Ben bil-kundizzjoni down syndrome, qed jiffosterjaw tifla ta’ sentejn. Il-koppja qalu li jħossu ferħ kbir meta jaraw lil Ben qed jikber f’għożża kbira, u li għalhekk ħassew li għandhom jagħtu ħajja aħjar lil  tifla li kienet qed tgħix fi stat diffiċli ħafna.

Ben li issa ilu jgħix għand il-koppja Steve u Kris għal dawn l-aħħar sentejn, bi tbissima naturali li tisraqlek qalbek jurik li qed jgħix ferħan bl-ambjent mill-isbah li qed jigġġi mrobbi fih.

Sa mill-bidu nett il-koppja Steve u Kris riedu jadottaw, u ma kienx irnexxielhom mal-ewwel, sakemm Ben, bil-kundizzjoni tad-down syndrome, seta’ jiġi adottat għaliex ebda koppja eterosesswali ma riditu.

Wara li l-esperjenza ta’ Ben tathom ferħ kbir Steve u Kris iddeċidew li jiffosterjaw tifla li kienet fi stat diffiċli ħafna, biex jagħtuha ħajja aħjar minn fejn kienet.

Kris Grima u Steve Vella spjegaw li  “l-ewwel ħaġa kellna l-ispazju u l-ħin, Ben għallimna, u minn dejjem xtaqna girl, u ġie Ben u qabel Ben għamilna l-kors tal-fostering u spiċċajna li ffosterjajna t-tifla li għandna”.

Kris u Steve attrezzaw id-dar għall-ferħ u l-kumdità tat-tfal Ben u t-tifla li ffosterjaw, b’kamra apposta fejn jistgħu jpinġu u jiktbu mal-ħajt f’għamla ta’ black board, jilagħbu, jaqraw u anki jitgħallmu. Kris qalilna li jinnota li bil-fostering tat-tifla, Ben qed isirlu ħafna ġid u t-tifla saret iktar kalma u ferħana.

Kris Grima qal li “jien naħseb li kemm ilna li ġibna l-fostered child hu qed jikkopja affarijiet minnha u mpruvja u hi qed timpruvja f’ambejent soċjali.”

Kris u Steve jgħidu li xejn ma jtihom iktar ferħ milli jaraw lil dawn it-tfal jikbru b’mod mill-iktar san.

Steve Vella qal li “qas nimmaġinani mingħajr it-tifel u lanqas mingħajr it-tifla, ħajti kompleta.”

Ħallejna lil Kris u Steve, ma’ Ben u mat-tifla qattgħu ħin ta’ kwalità flimkien, b’ imħabba u għożża kbira.