Il-President se tiftaħ bibien il-Palazz għad-Djar tat-Tfal

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret li se tkun qed tiftaħ il-bibien tal-Palazz San Anton għat-tfal li jgħixu fid-Djar tat-Tfal, jew li qed jgħixu ma’ familji tar-rispett (“foster families”), sabiex il-Fundazzjoni għall-Benessri tas-Soċjetà tkun tista’ tagħtihom l-appoġġ li jkollhom bżonn, filwaqt li t-tfal stess ikunu jistgħu jitħalltu u jitkellmu bejniethom dwar l-esperjenzi simili li għaddejjin minnhom.

Il-President ħabbret din id-deċiżjoni waqt l-għeluq tal-konferenza dinjija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Foster Care (IFCO), li qed issir f’Malta, bit-tema Setting Sail from a Safe Port. 

Il-President sostniet li tfal li kellhom trobbija iebsa m’għandhomx iħossuhom imwarrbin mill-bqija tas-soċjetà u għandhom jagħrfu li hemm persuni oħrajn li għaddew mill-istess esperjenzi u li jistgħu jifhmuhom.

Fid-diskors tagħha, il-President saħqet fuq l-importanza li s-soċjetà toħloq ambjent fejn it-tfal iħossuhom siguri u jingħataw ir-rispett meħtieġ biex jiftħu qalbhom u jsemmgħu leħinhom.

Dan minħabbha li skontha l-kontribut tat-tfal jista’ jwassal għal tibdil sinifikanti fis-soċjetà u, fuq kollox, huwa l-pedament li fuqu ħa jinbena l-futur tal-pajjiż.

Il-President qalet ukoll li minkejja li t-tfal li pparteċipaw fil-konferenza tgħallmu ħafna minn dak li ntqal, il-kelliema u l-organizzaturi tal-konferenza fil-fatt tgħallmu ħafna iktar mill-interventi tat-tfal.

Fost l-oħrajn, it-tfal li pparteċipaw fil-konferenza tkellmu dwar l-importanza tal-ambjent ta’ familja fit-trobbija, il-ħtieġa li jirċievu iktar protezzjoni mill-awtoritajiet, u d-dritt ta’ kull wieħed u waħda minnhom li jkollhom familja u dar fejn iħossuhom siguri.

Il-President tenniet l-impenn tagħha li flimkien mal-Fundazzjoni u l-awtoritajiet tkompli tagħti iktar appoġġ u protezzjoni lit-tfal, sabiex tassigura li d-drittijiet fundamentali tat-tfal jiġu rispettati.

Filwaqt li rringrazzjat lill-parteċipanti kollha tal-konferenza, hija appellat għall-għaqda bejn l-organizzazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, politiċi, familji u l-bqija tal-membri tas-soċjetà, sabiex ikomplu jaħdmu flimkien bl-għan li kull tifel u tifla jingħataw il-protezzjoni u aċċess għall-istess opportunitajiet, irrelevanti mit-trobbija tagħhom, jew l-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom.