Kemm taf fuq is-sistema ta’ fostering f’Malta?

Foster Carers

Waqt Persjani Mbexxqa tal-Erbgħa 4 ta’ Jannar 2023 li jixxandar fuq Net TV fit-8.30pm, Claudette Buttigieg, flimkien ma’ John Rolé u Daniela Zerafa, se jiddiskutu dak li jridu jiffaċjaw persuni li, wara taħriġ, jagħżlu li jrabbu tfal ta’ ħaddieħor permezz tal-fostering.

X’jiġri meta il-ġenituri bioliġiċi jew naturali tat-tfal ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb lill-uliedhom? Ħafna drabi f’każijiet bħal dawn jintervjeni l-Istat li jieħu f’idejh il-kura u l-kustodja tat-tfal. Fil-passat, dawn it-tfal kienu kważi dejjem jispiċċaw f’istitut iżda mill-2007, Gvern Nazzjonalista, permezz ta’ liġi ġdida, beda sistema ta’ fostering f’Malta.

Din is-sistema m’hijiex għal kollox ġdida f’Malta daqs kemm jaħsbu xi wħud.

Bosta huma dawk l-anzjani li jirrakkuntaw li meta kienu tfal, għax kienu ġejjin minn familja kbira, jew familja li ma’ tiflaħx tkampa mal-bżonnijiet finanzjarji u materjali, kienu jitrabbew minn persuni oħrajn. Ħafna drabi n-nanniet, zijjiet jew kuġini kienu jrabbu lill dawn it-tfal.

Il-fostering jippermetti u jaġevola t-trobbija ta’ tfal fil-kustodja ta’ persuni li m’humiex rikonoxxuti bħala l-ġenituri ta’ dawn it-tfal. Dawn huma persuni li qed joffru servizz imprezzabli biex t-tfal jitrabbew f’imħabba u f’għożża kbira f’ambjent ta’ familja u mhux ta’ istitut jew istituzzjoni. Il-persuni li jrabbu lit-tfal mhux bilfors li jkunu membri tal-familja naturali ta’ dawn it-tfal. Dan jagħmluh bl-għarfien li dawn it-tfal m’humiex legalment tagħhom.

Għalkemm il-foster carers jingħataw l-għajnuna finanzjarja biex jgħinu fit-trobbija, żgur li l-għajnuna finanzjarja li tingħata mill-istat, m’hijiex biżejjed biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tat-tfal li ħafna drabi jkunu ġejjin minn ambjent ta’ trawma emozzjonali fosthom abbuż ta’ alkoħol u droga u abbuż fiżiku u emmozzjonali fuq l-istess tfal.

Dawn il-Foster Carers huma persuni tassew altruwistiċi li joffru imħabba bla kundizzjoni lejn tfal li mhux biss m’humiex uliedhom imma xi drabi jgħixu mal-foster carers għal-żmien limitat sa kemm il-ġenituri naturali u bioloġiċi tat-tfal ikunu f’pożizzjoni li jrabbuhom huma.