Meta tħobb daqslikieku tiegħek

Bejn l-1 u l-4 ta’ Novembru, Malta se tospita konferenza fuq il-fostering. Din se ssir fil-Palazz Presidenzjali l-Belt Valletta u se jkun hawn rappreżentanti internazzjonali. Il-konferenza hi organizzata minn erba’ organizazzjonijiet, li huma l-International Foster Care Organization, in-National Foster Care Association Malta, il-President’s Foundation
for the Wellbeing of Society u l-Foundation for Social Welfare Services. L-aħħar darba li l-konferenza saret f ’Malta kien fl-2007. Fost il-kelliema barranin se jkun hemm dawk li huma foster carers huma stess u se jaqsmu l-esperjenza tagħhom, waqt li minn Malta hemm Foster Carers kelliema li għamlu riċerka lokali fuq il-fostering.

Fl-istess waqt se jkun hemm laqgħat għaż-żgħażagħ u għat-tfal; speċi ta’ żewġ konferenzi għaddejjin fl-istess ħin. Imbagħad, il-vuċi tażżgħażagħ u tat-tfal titressaq għand l-adulti matul il-konferenza. L-idea se tkun li jinġabru l-esperjenzi kollha tal-adulti, tal-Foster Carers, tal-professjonisti, taż-żgħażagħ li għaddew jew qed jgħaddu mill-esperjenza tal-fostering u tat-tfal li jinsabu fostered. Minn dan kollu jkun studjat x’jista’ jsir aktar fil-qasam lokali. Il-gazzetta KullĦadd intervistat lil John Rolè, Membru tal-Bord tal-IFCO u wieħed mill-organizzaturi tal-Konferenza.

Min jista’ jkun fostered: tfal Maltin jew barranin ukoll? Jekk anki barranin, il-ġenituri tagħhom iridu jkunu f’Malta?

Bħala etajiet tat-tfal ikunu varji; sa minn trabi tat-twelid, fejn il-ġenitur ikun f ’qagħda tant ħażina li ma jistax jieħu ħsieb it-tfal, l-aktar f ’sitwazzjonijiet ta’ droga. Dawn ġieli jittieħdu għall-fostering anki mill-Isptar. F’dawn l-aħħar snin, l-akbar kaġun kienet id-droga, iżda mhux biss, kellna każi wkoll ta’ traskuraġni kbira, swat, abbużi sesswali u sfortunatament f ’sitwazzjonijiet ta’ saħħa mentali kbira. Ħafna drabi, ir-raġuni biex it-tfal imorru għall-fostering tkun għax is-sitwazzjoni tkun gravi ħafna, fejn anki wara li jkun sar xogħol mal-ġenituri tat-tfal xorta s-sitwazzjoni tibqa’ ħażina, u b’riżultat t’hekk il-ġenituri bijoloġiċi ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb uliedhom. L-akbar numru ta’ tfal fostered huma Maltin iżda għandna wkoll numru żgħir ta’ barranin. Dawn minħabba li l-ġenitur ma jkunx f ’qagħda li jista’ jieħu ħsieb lit-tfal. Żgur iżda li għall-foster carers Maltin, il-kulur tal-ġilda ma jagħmilx differenza.

Xi jkun meħtieġ għall-fostering?

L-ewwel ħaġa tkun li tagħmel kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ, li torganizza kors ta’ taħriġ ta’ sitt laqgħat ta’ tliet sigħat il-waħda, fejn il-parteċipanti jifhmu l-kunċett tal-fostering; pereżempju li l-fostering mhux addozzjoni; li f ’fostering se jkollok x’taqsam ma’ tfal li għaddew minn trawmiet diffiċli u differenti, uħud minnhom sa mill-ġuf, speċjalment meta jkun ġenitur li jkun abbuża mid-droga. Allura permezz tat-taħriġ, tagħmel lil dawn in-nies konxji ta’ liema sitwazzjonijiet ikunu jridu jidħlu. Waqt it-taħriġ imorru kemm foster carers ikellmu lill-parteċipanti u anki jintużaw videos fuq esperjenzi ta’ Maltin dwar il-fostering, kemm min-naħa tat-tfal, kif ukoll min-naħa tal-ġenituri bijoloġiċi.

Allura d-differenza bejn addozzjoni u fostering hi li l-addozzjoni ssir lil tfal barranin u l-fostering għal tfal Maltin?

Iva, għalkemm kien hawn xi każi ta’ addozzjoni mill- Maltin għall-Maltin. Wieħed irid jiftakar li l-addozzjoni ta’ tfal barranin toffri ktieb magħluq lill-koppji Maltin, għax ma jkunux jafu xi jkunu t-trawmiet li għaddew minnhom it-tfal miġjubin minn barra. Bil-fostering tkun taf l-istejjer kollha wara kull tifel u tifla. Din l-informazzjoni tingħata lill-foster carers, biex ikunu jafu ma’ xiex se jħabbtu wiċċhom. Madankollu, lill-foster carers jgħidulhom mill-ewwel li min jidħol għall-fostering ma tfissirx addozzjoni. Jidħlu fil-fostering biex jgħinu u jekk ikun fl-interess tat-tfal li jmorru lura mal-ġenituri proprji tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan bla problemi. Mil-laqgħat issir taf x’qagħda u x’ħiliet ikollha dik il-familja, waqt li s-social workers ikunu jafu wkoll is-sitwazzjonijiet tat-tfal, u jippruvaw iqabblu xi jkun l-aħjar għal dik il-familja mat-tfal fil-bżonn ta’ Foster Family. Ġeneralment, familja tingħata tifel jew tifla li jkun jew tkun iżgħar mill-istess tfal tal-koppja, biex l-ulied proprji jservu ta’ mudell għalihom.

Hemm xi żmien sa liema età tat-tfal, familja tibqa’ tagħmel fostering?

Mill-esperjenza li għandna, it-tfal idumu mal-foster carers. Ftit wisq kienu l-esperjenzi fejn it-tfal jagħmlu ftit xhur u jitilqu, għax ġeneralment, il-kura u d-diffikultajiet tal-ġenituri proprji jġebbdu għal tul ta’ żmien. Ikun għalhekk li l-foster carers jidħlu b’responsabbiltà qawwija biex joffru stabbiltà lil dawn it-tfal. U naħseb li r-raġuni li l-foster carers kienu talbu għall-introduzzjoni tal-permanenza tal-fostering, iktar kienet ġejja mix-xewqat tat-tfal li rrealizzaw li jekk jibqgħu f ’dik il-familja b’mod permanenti, ikunu jistgħu jaħdmu aħjar fuq it-trawmiet li jkunu għaddew minnhom huma stess. Għax jekk ikunu jafu fi żmien qasir li se jinbidlu l-affarijet għalihom, quddiemhom isibu baħħ u jaqgħu fi trawma oħra. U dan, kemm mil-lat uman u dak psikoloġiku, joħloq ansjetà, li hi l-iktar ħaġa li dawn it-tfal għandhom jaħarbu, għax waħda mit-trawmiet li jkunu għaddew minnha hi dik li ma kinux jafu jilqgħu għal qagħdiet problematiċi li sabu ma’ wiċċhom. Biex tifel jew tifla jwarrbu stress, hu meħtieġ li jkollhom ambjent seren, li jsibu jilqagħhom għand il-foster carers b’aktar intensità milli kieku baqgħu fid-dar tal-ġenituri proprji. Barra minn hekk meta nitkellmu fuq permanenza ma jfissirx li l-foster carers ikunu jridu jqisu lit-tfal bħala tagħhom, iżda biex it-tfal ikunu jistgħu jaħdmu fuq l-ansjetajiet u d-diffikultajiet li jkunu għaddew minnhom. Imbagħad, ladarba dak it-tifel u tifla jkunu sebqu l-problemi tagħhom, ikollhom iċ-ċans jagħżlu jridux jibqgħu fejn ikunu jew imorrux mill-ġdid mal-ġenituri ġenetiċi tagħhom. Hawn Malta saret riċerka minn Dr Olivia Galea Seychell fuq il-kuntatt tat-tfal mal-ġenituri tagħhom (Supervised Access Visits) u waħda mill-affarijiet li enfasizzat kienet ir-Readiness tat-tfal għal dan il-kuntatt. Dan hu importanti ħafna. It-tfal għandhom jingħataw iċ-ċans li jaħdmu fuq it-trawmiet li għaddew minnhom qabel ma jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mill-ġdid mal-ġenitur, għax jekk ma jsirx hekk; meta jiltaqgħu, it-tfal l-ewwel ma jġibu quddiem għajnejhom xeni xejn sbieħ li jkunu għaddew minnhom.

X’jiġri jekk dawn it-tfal jaqbdu xi vizzju. Min ikun finalment responsabbli għalihom?

Fil-fostering, il-carers ikunu qed jaqsmu r-responsabbiltà mal-Aġenzija Appoġġ jew mal-Fondazzjoni u mal-ġenituri bijoloġiċi jew f ’każ ta’ care order, ukoll mal-Ministeru. F’kull każ hemm pjan għal kull minuri u skont dak il-pjan tittieħed deċiżjoni, kemm jekk il-placement tat-tifel jew tat-tifla jkun sejjer tajjeb u anke jekk le. Mill-esperjenza tiegħi ftit huma l-każi fejn kellna esperjenzi negattivi ħafna. Ħaġa li żgur nista’ ngħid, li l-foster carers Maltin ma joqogħdux ifittxu l-flus ma’ dawn it-tfal fostered, għaxhuma jidħlu għar-responsabbiltà għax verament iħobbu lit-tfal, u kellna każi fejn ħallsu l-ħsarat huma stess.

Omm u missier bla xogħol, b’iben bijoloġiku jingħataw €22.23ċ filġimgħa bħala childrens’ allowance, waqt li min jagħmel fostering jingħata €100 fil-ġimgħa. Ma tarax li hemm diskrepanza?

Irridu nifhmu li dawn it-tfal għandhom ħtiġiet partikulari, li kieku hu iktar faċli jkun hawn min jieħu ħsiebhom, kieku għandna ħafna iktar foster carers. Hemm ħafna tfal jistennew għall-fostering iżda ftit huma n-nies li lesti jidħlu għaliha u hi realtà li minħabba d-diffikultajiet u l-isfidi li jippreżentaw dawn it-tfal, mhix xi ħaġa li jista’ jagħmilha kulħadd. Tant li kien hemm familji li jibdew jagħmlu l-kors għall-fostering u wara jieqfu, għax jirrealizzaw li hu xogħol diffiċli. Għalhekk hu siewi li din id-deċiżjoni tittieħed qabel l-assessment. Mill-banda l-oħra hu tajjeb li tingħata r-realtà tas-sitwazzjoni ta’ dawn it-tfal u meta tqabbel il-benefiċċju li jingħata ġenitur naturali, żgur bħala ġenitur naturali se jagħmel minn kollox biex ibnu jew bintu ma jgħaddux minn trawma u ma jitteħdux it-tfal minn miegħu. Iva, il-gvernijiet kienu bdew inċentiv ta’ għajnuna, li llum tela’ għal €100 fil-ġimgħa, iżda kulħadd irid idaħħal f ’moħħu li l-foster carers mhux il-€100 jonfqu, iżda ferm iktar, għax numru minn dawn it-tfal ikollhom bżonn l-għajnuna tal-psikologi u t-tobba; kif ukoll hemm min kellu l-bżonn isiefer minħabba mard gravi. Hu minnu li għandna organizzazzjonijiet li jgħinu lill-foster carers, iżda qabel ma nħarsu lejn iċ-ċifri, irridu naraw kemm huma ftit dawk il-familji li lesti jagħmlu fostering u li din il-missjoni jagħmluha għax verament iħobbu lit-tfal u mhux għall-gwadann tal-flus. U meta tisma’ b’ċerti stejjer li jgħaddu minnhom, tibda tgħid li li kieku kienu t-tfal tiegħek stess kont tqalfathom ’il barra, tifhem kemm irid ikollhom konvinzjoni dawk il-foster carers li lesti li jduru b’dawn it-tfal. Jidher li l-istat qed juri apprezzament għax-xogħol li qed iwettqu dawn il-carers u meta kienet introdotta l-ewwel darba, il-carers ferħu mmens mhux bil-flus li ngħataw, iżda għax il-Gvern wera li japprezza ħidmiethom. Terġa’ fil-bidu la kienu jirċievu childrens’ allowance u lanqas kien hemm referenza fil-liġi għall-foster carer. Issa, il-fatt li l-fostering sar magħruf mil-liġi, il-foster carers ġew aktar imħarsa mill-istituzzjonijiet governattivi u għandhom il-protezzjoni tal-pulizija, tal-Aġenzija Appoġġ u tal-Ministeru. Min irid aktar informazzjoni fuq il-fostering, jista’ jidħol Facebook fuq NFCAM u jsib artikli fuq fostering, it-tfal, u l-esperjenzi tat-tfal u tal-foster carers, biex dak li jkun jitrawwem iktar. U mill-istess website http://nfcam.org jista’ jsir membru.