“M’hemmx kompromessi dwar opportunitajiet għat-tfal fostered” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca saħqet li ma jistgħux isiru kompromessi fuq opportunitajiet mogħtija lit-tfal fostered. Fl-istess waqt sostniet li s-sigurtà u l-istabbiltà huma prerekwiżiti fundamentali għat-tfal kollha.

Il-President kienet qed titkellem fil-ftuħ tal-konferenza dinjija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Foster Care (IFCO), li qed issir f’Malta, bit-tema Setting Sail from a Safe Port. 

Hi indirizzat lill-parteċipanti li fosthom kien hemm tfal u żgħażagħ li bħalissa jinsabu fostered kif ukoll dawk li jinsabu  f’out of home carefoster carers, residential care workers, u professjonisti.

Coleiro Preca saħqet li m’għandux ikun hemm biża’ biex isiru leġiżlazzjonijiet, politika u implimentazzjoni, li jaf ikunu iebsa, imma li jassiguraw li t-tfal jiġu l-ewwel.

Żiedet tgħid li t-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu biss jitilqu minn bażi soda u sigura jekk jingħataw l-opportunità li jibnu relazzjonijiet tajba u permanenti fi placements stabbli.

Il-President ikkwotat studju li qed isir mill-Fondazzjoni tal-President fejn qalet li fejn jidħlu relazzjonijiet jidher biċ-ċar li relazzjonijiet b’saħħithom u fondi, huma l-pedament sikur għal suċċess u għall-ġid tal-persuni.

L-attendenza ta’ 30 tifel u tifla kienet possibbli permezz ta’ sponsorship li ngħatha mill-Malta Community Chest Fund Foundation.

Diversi kienu l-organizzazzjonijiet li ħadu sehem u kkollaboraw fuq dan l-avveniment, fosthom il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà,  l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Carers ta’ Malta (NFCAM), Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u l-Eurochild fost oħrajn.