Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Protezzjoni tat-Tfal, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Foster Care tfakkar dwar id-dritt tat-tfal li ma jkunux jistgħu jitrabbew fil-familji bijoloġiċi tagħhom li jingħataw alternattiva li jitrabbew fil-qafas ta’ familja oħra.
- Għalhekk l-Assoċjazzjoni tenfasizza r-responsabbiltà tal-Istat li jfassal u jimplimenta politika soċjali li tħajjar u tinċentiva familji li jkunu lesti jirċievu ttaħriġ neċessarju sabiex isiru foster carers. L-Assoċjazzjoni tfakkar ukoll dwar il-pożizzjoni ċentrali li l-ħaddiema soċjali tat-tfal għandhom fit-traġitt ta’ tfal li jkollhom bżonn kura alternattiva.
- Għalhekk tenfasizza wkoll li l-Istat għandu jagħmel kull sforz biex jippromovi din il-professjoni tal-ħidma soċjali u jinċentiva lil dawk li jagħżlu din il-professjoni biex jibqgħu jipprattikawha – b’hekk jiġi aċċertat li l-professjonisti li jkunu qed jieħdu deċiżjonijiet dwar dawn it-tfal ikunu professjonisti mħarrġa fil-ħidma soċjali u ta’ esperjenza fil-qasam tal-protezzjoni u l-kura tat-tfal.
- Fl-aħħar nett l-Assoċjazzjoni tfakkar dwar l-importanza ta’ deċiżjonijiet f’waqthom fejn jidħlu tfal li jkollhom bżonn protezzjoni. It-tfal ma jistgħux jistennew – la biex jinħarġu minn sitwazzjonijiet ta’ abbuż jew traskuraġni, la biex isibu l-familja addatata għalihom sabiex jittrabbew fiha u lanqas biex jittieħdu d-deċizjonijiet legali neċessarji biex l-istabbiltà tagħhom tkun imħarsa.
Filwaqt li tirrikonoxxi illi l-ġenituri wkoll għandhom id-drittijiet tagħhom, l-Assoċjazzjoni tfakkar illi meta jkun hemm kunflitt bejn id-drittijiet tat-tfal u dawk tal-ġenituri huma dejjem id-drittijiet tat-tfal li għandhom jingħataw l-ogħla prijorità u dan kif stabbilit ukoll fil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri.