SODISFAZZJON KBIR MINN KULL MIN JIFFOSTERJA XI WILD

minn Anton Falzon 14 ta’ Ottubru 2023

Waqt konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Care fil-presenza tal-Ministru responsabbli minn dan il-qasam, Michael Falzon, kien diskuss is-suġġett li jitratta l-fostering u kif il-kuntatt jista’ jkun wieħed terapewtiku għat-tfal li jkunu f’kura barra mid-dar.

L-għan tal-konferenza kien li permezz tal-Kelliema Professjonali fil-qasam, tkun ta’ benefiċċju kemm għal dawk li jieħdu ħsieb dawn it-tfal u kif ukoll għall-minuri infushom. Intqal li l-kuntatt għandu jservi dejjem sabiex it-tfal jibnu mill-ġdid lilhom infushom wara l-abbuż li jkunu għaddew minnu.

Tlabna lil Paul Gatt, il-President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Care fejn spjegalna dwar l-importanza li t-tfal iffosterjati ikollhom kuntatt mal-ġenituri bioloġiċi tagħhom.

“Huwa importanti jekk ikun fl-aħjar interess tat-tfal. Meta l-kuntatt mal-ġenituri bijoloġiċi ikun sejjer tajjeb, dan jista jgħin biex il-kura li jkunu qed jagħtuhom il-foster carers tkun ta’ suċċess. Filwaqt li jekk il-kuntatt ikun sejjer ħażin u ma jkun fl-interess tat-tfal, dan jista jwassal biex il-placement, jiġifieri l-kura li jkunu qed jieħdu mill-foster carers ifalli.”       

Dwar il-fostering tkellimna ma’ Dorianne Mallia li hija foster parent ta’ tliet ulied bil-kbira għandha sitt snin u ż-żgħira ta’ tliet xhur.

Hija stqarret magħna s-sabiħ li tiftaħ id-dar u l-qalb tiegħek u toffrilhom l-aħjar, li jista jkollhom fil-ħajja tagħhom.

Qaltilna li għall-bidu, hi u r-raġel tagħha bdew jaħsbuha iżda wara li għamlu l-kors u semgħu diversi esperjenzi ta’ nies li kienu diġà jiffosterjaw, ddeċidew li jimxu l-mixja tal-ħajja ma’ dawn it-tfal.  Tenniet  magħna li t-tbissima fuq wiċċhom u li tarahom ferħanin, ikomplu jżejnu u jlewnu l-ħajja tagħha u tar-raġel.

“L-istejjer huma differenti, il-weġgħat huma differenti u l-kura li trid ittihom hija differenti. Però meta tkun taf il-bżonnijiet tagħhom x’inhuma jagħmlulek kuraġġ kbir li toħroġ all out għalihom. Hija xi ħaġa sabiħa u jien minn hawnhekk nagħti l-appell lil min irid jiftaħ qalbu, jiftaħ daru għal dawn it-tfal toffrulhom l-aħjar futur li jista jkollhom, jien ninkoraġihom minn quddiem. Apparti dawn it-tliet itfal, aħna kellna każijiet oħrajnli m’għadhomx magħna għax reġgħu irritornaw mal-familja tagħhom. Mhux se ngħidilkom li kienet faċli tarahom sejrin imma naf li ħarġu mid-dar tagħna, aħjar minn kif daħlu.”