L-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care tixtieq tqajjem kuxjenza dwar il-fatt li f’pajjiżna hawn tfal li qed ikunu mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom.
Fost dawn insibu tfal li:
1. Mhux qed jingħataw l-opportunità jkunu addottati u jgħixu ġo familja li tirrispettahom wara li jkunu sofrew abbuż mill-familja bijoloġika tagħhom.
2. Twieldu Malta u qed jgħixu ma’ foster families Maltin iżda li qed jiġu mċaħħda miċ-ċittadinanza Maltija.
3. Mhux qed jitħallew isemmgħu leħinhom meta jittieħdu deċiżjonijiet dwarhom u li jaffettwawlhom ħajjithom.
4. Mhux qed jingħataw is-servizzi terapewtiċi spesifiċi li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jirkupraw il-ħsara li saritilhom tort tal-abbuż li sofrew fil-familji bijoloġiċi tagħhom.
Biex dawn it-tfal tassew jingħataw id-drittijiet li jistħoqqilhom, huwa importanti li jkun assigurat li tfal li jkunu allegatli qed isofru xi forma ta’ abbuż jingħataw għajnuna immedjata u jsiru l-interventi kmieni kemm jista’ jkun (early intervention) mat-tfal u mal-familji tagħhom biex ikun evitat li l-ħsara li tkun qed issir lit-tfal ma tkunx waħda irreparabbli.
Importanti li jsir investiment fit-tul biex jiżdiedu l-professjonisti u s-servizzi terapewtiċi għal tfal vulnerabbli jew li sofrew abbuż u jinqatgħu l-listi ta’ stennija biex it-tfal jirċievu s-servizzi li jkollhom bżonn.
Importanti li tfal li qed jitrabbew f’foster families u li mhux fl-interess tagħhom (tat-tfal) li jirritornaw mal-familji bijoloġiċi tagħhom, jingħataw stabbiltà u permanenza fil-placement tagħhom biex hekk ikunu jistgħu jiżiluppaw b’mod sħiħu b’serħan tal-moħħ. Dan jista’ jsir permezz tal-addozzjoni f’ċertu każijiet u permezz ta’ fostering permanenti f’każijiet oħrajn.
Ikun assigurat li t-tfal jingħataw widen biex hekk ikun aċċertat li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu fl-interess tat-tfal u jitwettqu x-xewqat tagħhom. Importanti wkoll li l-foster cares tal-istess tfal ikunu rrispettati aktar u l-ħidma tagħhom tkun apprezzata ferm aktar.
Għalhekk l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care tappella lill-Gvern biex b’mod immedjat jitkompla x-xogħol fuq il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal u jkun assigurat li din il-liġi tpoġġi l-ewwel u qabel kollox id-drittijiet tat-tfal illi hija intenzjonata li tipproteġi.