Minn rapporti ta’ abbuż u diffikultajiet serji fil-familji, għal stejjer ta’ tama u opportunità ġdida. Kull sena f’Malta, numru ta’ tfal jispiċċaw jinħarġu mill-ambjent familjari tagħhom u jitqiegħdu taħt il-kura ta’ foster carers – persuni li jiftħu darhom u qalbhom biex jagħtu lil dawn it-tfal stabbiltà, sigurtà u futur aħjar. Imma x’jinvolvi tassew il-fostering? X’inhuma l-isfidi li jaffaċċjaw kemm it-tfal kif ukoll il-familji li jiffosterjaw?
Kull sena f’Malta jsiru aktar minn elf rapport relatati ma’ tfal li jkunu qed jesperjenzaw abbuż jew diffikultajiet serji fil-familja tagħhom. Minnhom, wara assessjar mis-servizzi soċjali, numru żgħir ta’ tfal jinħarġu mill-ambjent familjari tagħhom u jitpoġġew taħt il-kura ta’ foster carers. Dan qalu l-President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care, Paul Gatt.
Id-differenza mill-addozzjoni hi li t-tfal ma jkunux tiegħek, jiġifieri int qed trabbi t-tfal ta’ ħaddieħor, imma bit-tibdil fil-liġi riċenti, bil-permanenza, it-tfal sa 18 illum jibqgħu ċertament miegħek sa meta jagħlqu 18-il sena.
Paul Gatt – President tal-Assoċċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care
Apparti li hu President tal-Assoċċjazzjoni, is-Sur Gatt jiffosterja tlett itfal.
Esperjenza sabiħa ħafna għax int meta tarahom li ġew b’diffikultajiet kbar, imbagħad naqra naqra jipprogressaw, u llum ma tgħidx li huma differenti minn tfal oħra, kollha qed jagħmlu suċċess fil-qasam tagħhom. Tieħu pjaċir għax tgħid għall-inqas dawn qed jieħdu dak li jimmeritahom. Dawn ma jimmeritahomx li jkunu abbużati, jistħoqqilhom jgħixu ħajja normali, sana, jilħqu l-potenzjal tagħhom u jagħmlu dak li tixtieq qalbhom f’ħajjithom.
Paul Gatt – President tal-Assoċċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care
Żied jgħid iżda li bħal kull esperjenza oħra, fiha d-diffikultajiet. Qal li meta ma jkun hemm koperazzjoni bejn il-partijiet kollha, ibatu t-tfal, speċjalment meta d-deċiżjonijiet ma jittiħdux fl-aħjar interess għat-tfal.
Il-Psikologa Claire Francica qalet li wieħed mill-akbar aspetti li jeħtieġ aktar attenzjoni hu dak tal-kuntatt bejn it-tfal u l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.
Il-problema tal-kuntatt, li qed nassumu li kulħadd għandu l-istess kuntatt, imma jien ninsisti li jkun hemm assessjar adegwat biex naraw x’tip ta’ kuntatt, għax dawn mhux bilfors ikunu SAVs darba fil-ġimgħa.
Il-Psikologa Claire Francica
Temmet tgħid li diversi pajjiżi Ewropej qed jużaw forom differenti ta’ kuntatt li jistgħu jiġu adattati wkoll għas-sistema Maltija, biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bejn il-ġenituri bijoloġiċi u l-foster carers.