inews.org, Mar 04, 2018 08:25 – Miktub minn Victor Vella
“Naħseb li jrid ikollna l-kuraġġ u r-rieda illi nibdew inħarsu lejn il-possibilità li niffaċilitaw adozzonijiet minn pajjiżna stess. Dan fid-dawl tan-numru ta’ tfal li għandna taħt ordni ta’ ħarsien f’pajjiżna, illi jaqbeż l-400 tifel u tifla, u li minnhom jista jkun illi jkun hemm tfal eleġibbli għall-adozzjoni”. Dan sostnieh il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon f’kumment lil dan is-sit dwar il-fatt li fis-sena 2017 minkejja li madwar id-dinja naqsu bil-kbir i-ammont ta’ adozzjonijiet minn pajjiżi barranin, f’Malta inżamm livell tajjeb ta’ adozzjonijiet.
Is-sena li għaddiet qed titqies bħala sena pjuttost pożittiva fejn jidħlu l-adozzjonijiet u dan għax minkejja li ħafna pajjiżi għalqu l-adozzjonijet għal pajjiżi barranin, Malta fl-aħħar xhur irnexxielha tiftaħ postijiet ġodda minn fejn il-Maltin ikunu jistgħu jadottaw. Filfatt matul is-sena 2017 pew adottati tfal u dan meta fis-snin ta’ qabel kienu ferm inqas. Jekk wieħed jieħu s-snin meta l-adozzjonijiet minn pajjiżi barranin kienu għaddejjin mingħajr problemi isib li huma fuq l-istess livell ta’ din is-sena.
Filfatt fis-sena 2008 kienu ġew adottati 49 tfal, fis-sena 2009 ġew adottati 40 u fis-sena 2011 kienu ġew adottati 55. Fis-snin ta’ wara dawn naqsu drastikament bi 9 adozzjonijiet fis-sena 2013, 8 fis-sena 2014 u 26 fis-sena 2015. Fis-sena 2016 kienu biss sitt koppji Maltin li adottaw.
L-44 adozzjoni li saru fis-sena 2017 kienu mqassmu hekk 6 mis-Slovakkja, 11 mill-Portugall u 27 mill-Indja.
Mitlub jikkummenta il-Ministru Michael Falzon qalilna li “dan għalija jfisser ħafna, li f’sena waħda biss, b’kollox kienu adottati 44 tifel u tifla. Inħossni ferm sodisfatt, meta nara ġenituri ġodda,li sa’ fl-aħħar qatgħu xewqithom. Ma ninsewx illi mhux biss qed ngħinu lil dik il-persuna twettaq ħolma f’realtà, iżda permezz ta’ l-adozzjoni qed nagħtu ħajja ġdida lil dak it-tifel jew tifla, li għal xi raġuni ma setawx jitrabew mal-ġenituri bioloġiċi tagħhom.
Dan li għamilna u li qed nagħmlu mhux biżejjed u għalhekk ninsabu f’taħdidiet kontinwi ma’ pajjiżi oħra, tant li fil-jiem li għaddew għamilna pass l’quddiem mal-Bulgarija biex eventwalment jibdew jiġu adottati t-tfal minn hemm hekk kif ukoll.”
Enfasizza li “qed naħdmu fuq possibilità ta’ adozzjonijiet minn pajjiżi oħra.
Minn naħa tal-Gvern, nemmen li qed nagħtu l-massimu tagħna biex niffaċilitaw il-proċess tal-adozzjonijiet. Minn din is-sena se nkunu qegħdin nagħtu għajnuna sa massimu t’€10,000 biex tkopri parti mill-ispejjeż, inkluż fuq vjaġġar li ġenituri adottivi jagħmlu biex jadottaw wild. Naħseb wkoll illi rrid ikollna l-kuraġġ u r-rieda illi nibdew nħarsu lejn il-possibilità li niffaċilitaw adozzjonijiet minn pajjiżna stess. Dan fid-dawl tan-numru ta’ tfal li għandna taħt ordni ta’ ħarsien f’pajjiżna, illi jaqbeż l-400 tifel u tifla, u li minnhom jista jkun illi jkun hemm tfal eleġibbli għall-adozzjoni.”