Aktar minn 200 tifel u tifla f’foster care f’Malta

F’Malta bħalissa hemm 217-il tifel u tifla li qed jgħixu ma’ familji foster, filwaqt li l-awtoritajiet qed ikomplu jappellaw għal aktar persuni biex jidħlu għal din ir-responsabbiltà u joffru dar u ambjent sigur lil tfal li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familji bijoloġiċi tagħhom.

Minn dawn it-tfal, 118 jinsabu f’arranġamenti ta’ permanenza fil-kura alternattiva. Barra minn hekk, hemm 25 persuna li għalqu t-18-il sena iżda għadhom jgħixu mal-foster carers tagħhom.

Iċ-ċifri tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, waqt konferenza organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali -FSWS, li għaliha attendew foster carers u professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.

Matul il-konferenza ħareġ ukoll li bejn l-2021 u l-2026, 22 tifel u tifla ġew adottati mill-foster carers tagħhom, b’erba’ adozzjonijiet oħra ġew iffinalizzati matul l-2026. Fl-istess sena ġew irreġistrati wkoll 12-il arranġament ġdid ta’ fostering.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Falzon qal li hemm sitwazzjonijiet fejn it-tfal ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom, u huwa f’dawn iċ-ċirkostanzi li l-foster carers ikollhom rwol importanti f’ħajjithom.

Huwa saħaq li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-fostering u l-adozzjoni, u għalhekk qed ikompli jintroduċi miżuri biex jappoġġja lil dawk li jagħżlu li jieħdu din ir-responsabbiltà.

Fost il-miżuri mħabbra hemm l-introduzzjoni ta’ 10 ijiem leave addizzjonali għal persuni impjegati li jibdew joffru servizz ta’ fostering mis-sena d-dieħla. Dan il-leave, ekwivalenti għal dak tal-paternità, se jkun iffinanzjat mill-Gvern u għandu jagħti lill-familji aktar żmien biex jibnu rabta mat-tfal fdati lilhom.

Il-Ministru semma wkoll iż-żidiet konsekuttivi fl-Allowance għall-Fostering, li bħalissa tlaħħaq €6,760 fis-sena.

Matul il-konferenza, diversi foster carers qasmu l-esperjenzi personali tagħhom u spjegaw kif l-ambjent tal-familja u l-appoġġ li joffru għenu lit-tfal jiżviluppaw emozzjonalment, itejbu l-imġiba tagħhom u jibnu relazzjonijiet aktar b’saħħithom ma’ dawk ta’ madwarhom.

Huma appellaw ukoll biex aktar familji jikkunsidraw li jsiru foster carers, filwaqt li enfasizzaw kemm din l-esperjenza tista’ tkun waħda ta’ sodisfazzjon u kemm tista’ tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta’ tifel jew tifla.

Minbarra l-appoġġ finanzjarju, jeżistu diversi skemi u benefiċċji għal dawk li jagħżlu l-fostering jew l-adozzjoni. Dawn jinkludu ċ-Child in Care Benefit, l-Ispecialized Fostering Allowance, l-iskema ARMS u l-possibbiltà ta’ Fostering Trust Claim Leave.

Hemm ukoll valutazzjonijiet bla ħlas għall-proċess tal-adozzjoni u Adoption Grant għal tfal adottati skont il-Kapitolu 602 tal-liġijiet ta’ Malta.

Il-familji foster jingħataw ukoll appoġġ professjonali kontinwu, fosthom professjonist mit-tim tal-fostering allokat lil kull familja, assessjar terapewtiku mit-tim psikoloġiku tal-Looked After Children, servizzi tas-saħħa u dentali, kif ukoll aċċess għal counsellors u family therapists.

L-appoġġ jinkludi wkoll sessjonijiet terapewtiċi inizjali għal familji ġodda, sessjonijiet ta’ psychoeducation, gruppi ta’ sapport u taħriġ kontinwu. Barra minn hekk, hemm disponibbli servizz ta’ għajnuna permezz tal-linja 1778, li topera 24 siegħa kuljum.

Leave a Reply

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.