“KULĦADD ĦAQQU FAMILJA LI TĦOBBU” – ŻAGĦŻUGĦ LI ILU JIĠI FOSTERED MINN META KELLU SITT SNIN

Kulħadd ħaqqu familja li tħobbu.

Hekk qalilna Dasier D’Amato, żagħżugħ ta’ għoxrin sena li ilu jiġi fostered minn meta kellu biss sitt snin.

Huwa qasam l-istorja tiegħu ma’ ONE News, fid-dawl tal-kampanja li għaddejja bħalissa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, biex aktar individwi, koppji u familji, jiftħu qalbhom u jagħtu l-imħabba lil tfal bi problemi soċjali.

Dasier qalilna li ta’ sitt snin, missieru kellu jidħol il-ħabs u kien ġie deċiż li jingħaqad ma’ familja għall-fostering għal perjodu ta’ sitt xhur sakemm jiskonta s-sentenza.

Għal raġunijiet diversi ma setax imur lura ma’ missieru, u allura wara li għaddew is-sitt xhur, mar jgħix ma’ ommu. Iżda l-problemi hawnhekk ma naqsux.

Qal, “Wara tmien xhur ma bqajtx magħha għaliex kien hemm battibekki bejni u bejnha, imbagħad daħal il-partner tagħha beda jsawwatni u l-għada mort għand il-head of school, għidtilha li għandi dahri juġagħni u sabitli dahri kollu tbenġil. Ċemplet lis-social worker u qaltilha x’għandi. Is-social worker mingħajr ma ħasbitha darbtejn, qabditni, ċemplet lill-foster carers li kienu jiffosterjawni meta missieri kien il-ħabs u mort magħhom mill-ewwel.”

Minn dakinhar, Dasier u l-foster parents tiegħu, ma ħarsux lura.

Qal, “Il-foster parents tawni ħajja ġdida, tawni ħajja li dejjem kont nixtieq, tawni ħajja li jekk kelli bżonn xi ħaġa, tawieli.”

Il-koppja li għażlet li trabbi lil Dasier kellha diġà t-tfal bijoloġiċi, iżda dejjem imxiet bl-istess mod mat-tfal kollha.

Fil-fatt, Dasier jgħidilna li qatt ma ħassu eskluż.

Qal, “Jien mill-ewwel darba li dħalt f’dik id-dar, sibt platt ikel lest fuq il-mejda, lestewli s-sodda mat-tifel tagħhom, jiġifieri dawn ma kinux jafuni. Vera mmur tajjeb magħhom, litteralment aħwa, niġġieldu, nilletikaw, jiġifieri qisni twilidt hemm ġew, just ġejt ftit tard.”

Minkejja din l-esperjenza pożittiva li tat ħajja ġdida lil Dasier, li tiffosterja mhix xi ħaġa faċli.

Kull min hu interessat li jsir foster carer għandu jibda billi jċempel fuq in-numru 1778.

Wara l-ewwel laqgħa, isir kors ta’ seba’ ġimgħat konsekuttivi b’dettalji dwar x’jinvolvi l-fostering.

Jekk koppja jew individwu jagħżlu li jkomplu bil-proċess, isir assessjar minn ħaddiema soċjali, fejn imbagħad jitħejja rapport li jintbagħat lill-bord tal-fostering.

Iltqajna mal-counsellor Johanna Rizzo, mit-tim tal-Fostering fi ħdan id-Direttorat għall-Kura Alternattiva tat-Tfal tal-FSWS.

Hija spjegatilna li meta l-bord jagħżel familja għall-fostering, jara li l-ambjent ikun adattat għat-tifla jew it-tifel inkwistjoni.

Qalet, “Nippruvaw noqogħdu attenti li l-match nagħmluha tajba – jiġifieri li t-tifel jew it-tifla tiffittja fil-lifestyle ta’ din il-koppja jew individwu, u nimxu minn hemm, jibda l-vjaġġ.”

Hija spjegatilna li kemm tul il-kors u anki waqt il-fostering, il-foster carers jiġu offruti servizzi ta’ counselling.

Ħafna mid-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-koppji f’dan il-vjaġġ, huma marbuta mal-imġiba tat-tfal.

Qalet, “Dawn it-tfal ikollhom it-trawmiet u basket vera tqil u jkunu jridu tqil sapport, għajnuna u gwida, jistaqsu, x’għandi nagħmel biex it-tifel ma jibqax irrabjat? L-imġiba tat-tfal l-iżjed li jkunu jridu gwida u sapport u aħna nenfasizzaw ħafna fuq therapeutic parenting ngħidulu. Jiġifieri dawn it-tfal ikollhom bżonn tip ta’ parenting mhux l-istandard li nafu bih, imma jrid ikun terapewtiku.”

Il-counsellor żiedet tgħid li min jagħżel li jiffosterja, ikun qed jagħti ċans lil tifel jew tifla mingħajr imħabba, jiżviluppa f’individwu li jista’ jiffunzjona fis-soċjetà u jkollu wkoll relazzjonijiet u kapaċitajiet li jħobb.

Minn fomm iż-żagħżugħ innifsu li għadu sal-lum jiġi fostered, jekk hawn min għandu mħabba f’qalbu li jiflaħ jagħti, jagħtiha.

Qal, “Jiena kieku ma kinux dawn il-foster parents li dik l-imħabba żejda li għandhom ġo qalbhom, tawieli, kieku jien illum il-ġurnata ma nafx x’sar minni. It’s nice to have someone, it-tfal kulħadd jixtieq li jkollu dik l-imħabba so why not? Kulħadd mistħoqq li jiġi mrobbi ġo familja li tħobbu. Kulħadd mistħoqq li jkollu dik l-iskola li jixtieq, jiġifieri jiena nemmen li min jista’ jiffosterja u jagħti l-imħabba żejda li għandu, innaqqsu ħafna t-tfal fil-homes u t-tfal ikunu aktar kuntenta.”