Taħriġ dwar fostering ibbażat fuq ‘My Backpack’
Is-Sibt filgħodu sar taħriġ għal persuni li jixtiequ jibdew jagħmlu fostering ta’ tfal bejn l-4 u t-12-il sena, bit-taħriġ jiffoka fuq il-programm ‘My Backpack’ li qed ikun applikat f’diversi pajjiżi Ewropej.
Dan il-programm, li ġie ddiżinjat mis-Social Worker Bep van Sloten, joffri mekkaniżmu ta’ għajnuna għat-tfal biex fl-aħħar mill-aħħar jifhmu u jadattaw aħjar għal ħajja ġdida ‘l bogħod minn dik li kienu jafu minn ta’ età żgħira.
NET News tkellem ma’ membru tan-National Foster Care Association, John Role, li kien fost dawk li ħadmu biex jittella’ dan it-taħriġ għal numru ta’ persuni.
Waqt dan it-taħriġ, minbarra li ġiet spjegata l-importanza tal-fostering, saret ukoll prattika ta’ kif wieħed għandu jitkellem mat-tfal biex ikun assigurat li ma ssirx aktar ħsara. Fil-fatt, dawk preżenti ntalbu jimmaġinaw u jpoġġu ruħhom f’sitwazzjoni li kull tifel u tifla fostered jgħaddu minnha ħalli jifhmu aħjar kif iħossuhom.
Role spjega wkoll li biex wieħed jagħmel fostering mhix xi ħaġa faċli iżda jagħti tant sodisfazzjon.
Il-fatt li dawk li jkunu qed jagħmlu fostering jużaw il-programm ‘My Backpack’ jgħin ferm lit-tfal jadattaw hekk kif Social Workers u Foster Carers kellhom bla ma jridu jaqtgħu ftit jew wisq mill-osservazzjoni tagħhom kawża tat-tixrid tal-Covid-19 … b’riżultat li t-tfal ma kienx qed ikollhom sessjonijiet ma’ professjonisti biex joħorġu mill-esperjenzi trawmatiċi li għaddew minnhom.